header logo

Consumer & Competition Division

Consumer Claims Tribunal

It-Tribunal ghal Talbiet tal-Konsumaturi

It-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi jipprovdi mezz ġdid li bih il-konsumaturi jistgħu iħarsu d-drittijiet tagħhom mingħajr ma jidħlu fil-Qorti.

Inti Konsumatur u għandek xi kwistjoni ma’ xi kummerċjant dwar xi prodott jew servizz li tak?

It-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi jista’ jkun ta’ għajnuna biex tieħu rimedju xieraq, bla ma ddum u mingħajr ħafna spejjeż.
Tista’ tieħu l-każ quddiem it-Tribunal jekk inti bħala konsumatur għal bżonnijiet tiegħek personali jew tal-familja, tixtri jew tikri xi prodott jew servizz mingħand xi kummerċjant, u wara jkollok xi talba dwar danni jew difetti. Dan jista’ jsir wara li inti ma jkunx irnexxielek tilħaq ftehim amikevoli man-negozjant.

X’talbiet jisma’ it-Tribunal?

It-Tribunal jisma’ talbiet għal kumpens dwar xiri jew kiri ta’ prodotti jew servizzi fejn l-ammont tat-talba għal kumpens ma jaqbiżx l-elf u ħames mitt lira Maltija (Lm1,500).  Huwa l-konsumatur li normalment iressaq każ quddiem it-Tribunal.  Madankollu l-liġi wkoll tgħid li t-Tribunal jista’ jisma’:

·          Kontro-talba minn kummerċjant jekk kontrih saret talba minn konsumatur quddiem it-Tribunal; kif ukoll

 

·          Każ li jkun inbeda quddiem il-Qorti u li wara, kemm il-konsumatur kif ukoll il-kummerċjant, jiftehmu li jiġi trasferit għas-smiegħ quddiem it-Tribunal.

 

It-Tribunal jista’ wkoll jordna lill-kummerċjanti iħallas lill-konsumatur sa mitt lira Maltija (Lm100) bħala “danni morali” għal kull ħsara, deni, anzjeta u inkonvenjenza li seta’ sofra l-konsumatur.  Minbarra hekk meta talba jew difiża titqies li tkun waħda vessatorja jew frivola, it-Tribunal jista’ jordna li titħallas lill-parti l-oħra penali ta mhux aktar minn ħamsin lira Maltija (Lm50)

X’għandu jsir qabel ma t-talba tiġi ppreżentata?

Qabel ma tippreżenta t-talba tiegħek quddiem it-Tribunal, inti bħala konsumatur trid tirreferi l-każ tiegħek lid-Direttur għall-Affarijiet tal-Konsumatur jew lill-Għaqda tal-Konsumaturi irreġistrata, li minn naħa tagħhom għandhom jippruvaw li fi żmien ħmistax-il jum (15) ta’ xogħol, iwassluk fi ftehim mal-kummerċjant.  Jekk dan ma jseħħx tista’ tagħżel li tressaq quddiem it-Tribunal it-talba tiegħek dwar il-kwistjonijiet kollha li fuqhom ma hemmx qbil.

Kif issir talba quddiem it-Tribunal?

Talba quddiem it-Tribunal issir billi timla’ l-“Avviż tat-Talba (jew Kontro-Talba)” li hi formola li tiġborha mir-Reġistru tat-Tribunal stess.  Trid tuża’ l-istess formola jekk trid tagħmel kontro-talba marbuta ma’ talba li saret kontrik.  Jekk ikollok xi diffikulta’ fil-mili tal-formola, hemm is-Segretarja tat-Tribunal biex tgħinek timla’ l-formola.  Meta tippreżenta t-talba tiegħek quddiem it-Tribunal ikun hemm xi ħlas, liema ħlas ivarja skond il-valur tat-talba, kif imniżżel fl-iskeda ta’ hawn taħt:

 

·          Lm4 f’każ li t-talba tkun bejn Lm1 – Lm250

·          Lm6 f’każ li t-talba tkun bejn Lm251 – Lm500

·          Lm9 f’każ li t-talba tkun bejn Lm501 – Lm1,000

·          Lm11 f’każ li t-talba tkun bejn Lm1,001 – Lm1,500

X’jiġri wara li ssir it-talba?

Wara li tippreżenta t-talba tiegħek quddiem it-Tribunal, il-parti l-oħra tiġi notifikata.  Jekk il-parti l-oħra tikkontesta t-talbiet tiegħek, is-Segretarja tappunta data, ħin u post għal meta ssir is-seduta quddiem “l-Arbitru” u tinforma b’dan kemm lilek kif ukoll lill-parti l-oħra.

Xi proċess jintuża waqt is-seduta?

Matul is-seduta kull naħa hi mistennija tagħti l-verżjoni tagħha ta’ dak li ġara bil-ġurament.  Għandek tieħu ħsieb li tmur ippreparat għas-seduta.  Ħu miegħek ittri, kontijiet, irċevuti, kuntratti, ritratti u kull ħaġa oħra li tgħin biex wieħed isir jaf x’ġara.  Jekk hu rilevanti għal każ tiegħek tista’ ‘ttella ix-xhieda.  Kun żgur li kemm inti kif ukoll jekk ittella’ xi xhieda, tkunu preżenti kmieni.

Min għandu jkun preżenti għas-seduta?

Hu fl-interess tiegħek li tattendi għal każ tiegħek.  Jekk għandek xi xhieda hu importanti wkoll li dawn ikunu preżenti. Jekk inti qiegħed tagħmel il-talba u tonqos li tattendi għas-seduta mingħajr ma tagħti raġuni li hi aċċettabli għat-Tribunal, it-Tribunal jista’ jaqta’ l-każ kontrik.  Dan japplika wkoll jekk saret kontra-talba kontrik.  Jekk il-persuna kontra min qed tagħmel it-talba tonqos li tattendi mingħajr raġuni, it-Tribunal jista’ jaqta’ il-każ fl-assenza ta’ dik il-persuna.

Jekk inti ma tistax tattendi għas-seduta għandek tkellem lis-Segretarja tat-Tribunal minnufih.  Din tispjegalek x’tista’ tagħmel skond iċ-ċirkostanzi.

Tista’ tqabbad avukat biex jgħinek matul is-seduta?

Iva, jekk trid tista’ tqabbad avukat.  Iżda l-iskop kollu wara t-Tribunal għal-Talbiet tal-Konsumaturi hu proprju biex inti tkun tista’ tressaq il-każ tiegħek mingħajr il-ħtieġa li jkollok avukat.  Jekk tiddeciedi li tqabbad avukat, inti trid tħallas l-ispejjeż tiegħu anke jekk tirbaħ il-każ.

X’jiġri jekk xhud ma jridx jiġi għas-seduta?

Jekk inti ridt xi ħadd biex jitla’ quddiem it-Tribunal biex jixhed u dan ma jridx jagħmel hekk, allura għandek tkellem is-Segretarja tat-Tribunal.  Jekk it-Tribunal jara li hemm ħtieġa tax-xhud, it-Tribunal jista’ joħroġ “Taħrika ta’ xhud” li tordna lix-xhud biex jattendi għas-seduta.

X’jiġri matul is-seduta?

Is-seduti tat-Tribunal huma nformali u jinżammu f’kamra apposta għal dawn is-seduti.  L-Arbitru normalment isaqsi lil min għamel it-talba biex jagħti l-verżjoni tiegħu tal-każ.  Imbagħad in-naħa l-oħra tagħti l-verżjoni tagħha.  Inti jkollok bżonn li turi lill-Arbitru id-dokumenti kollha li għandek dwar il-każ.  L-Arbitru jista’ jesiġi li jisma’ ix-xhieda minn xi nies li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw il-fatti.  Għal dan l-iskop l-Arbitru jista’ jagħmel mistoqsijiet kemm lill-partijiet u lix-xhieda.

X’jiġri wara s-seduta?

Wara s-seduta l-Arbitru jagħti d-deċiżjoni tiegħu.  Jekk tirbaħ il-każ inti tkun tista’ tesegwixxi d-deċiżjoni bħallikieku kienet deċiżjoni ta’ Qorti.  L-ewwel iżda għandek tagħti xi ftit żmien lin-naħa l-oħra biex tikkonforma mad-deċiżjoni tat-Tribunal.  Jekk din tonqos, inti għandek tieħu l-passi meħtieġa biex tiġi esegwita d-deċiżjoni tat-Tribunal. 

F’liema ċirkostanza tista’ tappella mid-deċiżjoni tat-Tribunal?

Tista’ tappella minn deċiżjoni tat-Tribunal biss jekk it-Tribunal  waqt is-smiegħ tal-każ mexa kontra r-regoli tal-ġustizzja naturali u bħala riżultat ippreġudika b’mod gravi l-jeddijiet tiegħek.  Jekk jiġri hekk inti għandek tmintax-il jum (18) ta’ xogħol mid-data tad-deċiżjoni tat-Tribunal biex tagħmel appell quddiem il-Qorti ta’ l-Appell.

Jekk bħala konsumatur tiddeċiedi li tesegwixxi deċiżjoni tat-Tribunal li kienet favurik, jew inkella trid tappella mid-deċiżjoni tat-Tribunal, ikun aħjar li tieħu parir mingħand is-Segretarja tat-Tribunal jew l-avukat tiegħek.

Min jista’ jgħinek?

Is-Segretarja tat-Tribunal tista’ jgħinek biex tifhem l-proċedua li trid issegwi quddiem it-Tribunal, jew turik kif isir il-mili ta’ formoli tat-Tribunal, iżda ma tistax tagħtik pariri legali jew tidher minflokok quddiem it-Tribunal.

Nota : Dan il-fuljett hu maħruġ għall-benefiċċju tiegħek, bħala konsumatur, biex tkun taf kif jaħem it-Tribunal.  Jekk trid aktar tagħrif speċifiku għandek tikkonsulta l-liġi stess jew tieħu parir.

 

Taqsima tal-Konsumatur u Kompetizzjoni,

Office for Fair Trading,

Cannon Road,

Sta. Venera CMR 02

Tel : 21446250 - 5             Fax : 21482564

 

footer